It-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-knisja tal-Madona tal-Lourdes immexxija mill-kapuċċini ġiet mbierka mill-Isqof Emanuel Galea fit-13 ta' Settembru 1953. Iżda, l-ħsieb u pjani għal din il-knisja imorru aktar lura. Sa min qabel il-gwerra, Feliċ Borġ, il-benefattur kbir tal-knisja, għaraf kemm kienet kbira l-ħtiega li tinbena knisja fl-inħawi ta’ San Ġwann kif ukoll kunvent magħha għall-patrijiet.
Hekk kif għaddiet il-gwerra, kemm is-sur Feliċ Borġ u l-patrijiet baqgħu bl-istess xewqa u reġgħu bdew it-trattativi biex jinkisbu permessi u jinħadmu l-pjanti. Il-pjanta tal-knisja saret mill-perit Ġuze Colombo fuq idea ġenerali tal-bażilika ta’ San Paolo fuori le Mura ta’ Ruma.