Pietà

Parroċċa tal-Madonna ta' Fatima

Kien fis-17 ta’ Lulju ta’ 1944 li l-Provinċjal tad-Dumnikani, Patri Ġużepp Gauci wera fil-Kunsill Provinċjali tal-Ordni x-xewqa tiegħu li jiftaħ dar ġdida tad-Dumnikani fuq il-għolja ta’ Gwardamanġa. Ftit snin wara, fuq l-inizjattiva ta’ Patri Edmond Klimech, li kien Provinċjal tad-Dumnikani Maltin bejn is-snin 1952-56, bdew it-tħejjijiet għall-bini ta’ kunvent u santwarju kbir. 

Fil-jum tat-8 ta’ Diċembru 1953, tbierket l-art fejn kellha tinbena l-knisja u fit-28 ta’ Marzu 1954 sar it-tberik u t-tqegħid ta’ l-ewwel ġebla tas-santwarju mill-Arċisqof Mikiel Gonzi.